Ħarsa Ġenerali lejn l-Akkademja

Għan

L-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati hija istituzzjoni liċenzjata u awtonoma ta’ edukazzjoni avvanzata (MQF Livell 4, Numru tal-Liċenzja 2021 – 008) imwaqqfa biex twettaq taħriġ u żvilupp professjonali tal-membri tal-Forzi Dixxiplinati ta’ Malta li ġejjin:
Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

l-Forzi Armati ta’ Malta

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili
L-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi

Ħarsa ġenerali lejn l-Akkademja

L-Akkademja tfassal il-programmi tagħha fuq ħames pilastri:

1.

Taħriġ tar-Rekluti tal-Forzi Dixxiplinati

2.

Taħriġ Speċjalizzat iddisinjat apposta għax-xogħlijiet differenti tal-Forzi Dixxiplinati

3.

Taħriġ għall-Progressjoni Vertikali tal-Karriera fi ħdan il-Forzi Dixxiplinati

4.

Taħriġ għall-Progressjoni Orizzontali tal-Karriera bejn il-Forzi Dixxiplinati u lil hinn

5.

Akkreditazzjoni ta’ Tagħlim Preparatorju u Tagħlim Ibbażat fuq ix-Xogħol

L-Akkademja tiżgura li l-Forzi Dixxiplinati jattiraw u jħaddmu l-aqwa kandidati, u tagħti lil dawn il-persuni l-opportunità li jiżviluppaw lilhom infushom kontinwament. Permezz tat-taħriġ, l-Akkademja tippromwovi taħlita ta’ ħiliet, kompetenza esperta, imġiba u attitudnijiet professjonali.

Permezz tal-politiki, ir-regolamenti u l-liġijiet li jiggvernaw il-Forzi Dixxiplinati, l-Akkademja tgħin fir-reklutaġġ ta’ kandidati li japplikaw għal impjiegi mal-forzi u tipprovdi lir-rekluti b’taħriġ ta’ induzzjoni. L-Akkademja tipprovdi wkoll taħriġ komprensiv li jservi għall-ħiliet ferm speċjalizzati meħtieġa fuq ix-xogħol u għall-iżvilupp professjonali kontinwu.

Il-forzi dixxiplinati jistgħu jipprovdu taħriġ lill-membri rispettivi tagħhom, lil hinn mill-ambitu tal-Akkademja, soġġetta għal approvazzjoni mill-Akkademja, li għandha d-dritt li tevalwa l-kwalità tat-taħriġ ipprovdut u li tagħti rakkomandazzjonijiet fejn applikabbli.

Networks Internazzjonali

Il-Forzi Dixxiplinati f’Malta jagħmlu parti minn networks internazzjonali li jarrikkixxu l-ħiliet u l-oqfsa tal-għarfien fil-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ tal-Akkademja. Ix-xogħol tal-Forzi Dixxiplinati huwa marbut ma’ avvenimenti fl-ambjent internazzjonali, fl-Ewropa u lil hinn. L-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati tqiegħed l-internazzjonalizzazzjoni f’pużizzjoni rikonoxxuta u prominenti fis-servizzi ta’ edukazzjoni u għarfien li toffri. Il-kooperazzjoni transnazzjonali bejn il-forzi armati, il-pulizija, il-protezzjoni ċivili u l-faċilitajiet korrettivi huma eżempji ta’ suġġetti miżjuda mal-kurrikulu tal-Akkademja.

Programmi ta’ Skambju tal-Istudenti Erasmus+ u Internships

Permezz tal-Programm tal-Unjoni Ewropea Erasmus+, l-Akkademja tinsab f’pużizzjoni li toffri lit-trainees u lill-membri tal-Forzi Dixxiplinati, programmi ta’ skambju u internships iffinanzjati kompletament.

L-Akkademja timmira li tipparteċipa fil-Programm tal-Iskambju tal-Istudenti Erasmus, maħluq għal studenti tal-Unjoni Ewropea sabiex iwettqu parti mill-edukazzjoni tagħhom f’pajjiż differenti. L-iskambji se jiġu organizzati mal-istituzzjoni komparabbli fl-Istati Membri l-oħrajn tal-UE.

Il-membri tal-Forzi Dixxiplinati se jibbenefikaw ukoll mill-Programm ta’ Internship Erasmus, fejn il-membri tal-persunal ikunu jistgħu jaħdmu barra għal perjodi twal f’organizzazzjonijiet simili, bl-iskop ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xoghol.

Għarfien u Riċerka

Ladarba l-Akkademja tiżviluppa l-fakultà tagħha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, se tkun f’pużizzjoni li tipprovdi servizzi ta’ għarfien u riċerka, li jistgħu jitwettqu mill-persunal. Is-servizzi ta’ riċerka, pariri u konsulenza se jinkludu proġetti li jorbtu lis-servizzi dixxiplinati ma’ edukazzjoni avvanzata u ogħla, l-iżvilupp fil-karrriera u l-progressjoni tal-karriera.

Assigurazzjoni tal-Kwalità

L-Akkademja timmira li tikseb liċenzja sabiex tippreżenta premji, ċertifikati, diplomi, u lawrji bħala fornitur ta’ edukazzjoni avvanzata u ogħla. L-Akkademja timmira li tilħaq l-istatus ta’ istituzzjoni awto-akkreditorja sabiex toffri għażla ta’ kwalifiki ta’ natura vokazzjonali, akkademika u professjonali. Hija l-intenzjoni tal-Akkademja li tapplika l-ewkivalenza fil-kwalifiki ma’ programmi nazzjonali u internazzjonali ta’ edukazzjoni vokazzjonali, f’konformità mal-Qafas Malti tal-Kwalifiki mil-Livell 1 sal-Livell 8 fejn it-taħriġ prattiku għandu rwol importanti.

L-Akkademja tiġi awditjata perjodikament sabiex tilħaq l-istandards u l-linji gwida stipulati fil-Qafas Nazzjonali għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità. L-Akkademja hija soġġetta għal proċess rigoruż ta’ assigurazzjoni tal-kwalità f’konformità mal-Qafas Nazzjonali għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità, li jeħtieġ żewġ mekkaniżmi: Proċess Intern tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità u Awditjar Estern tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità.

Riżorsi Umani

Il-kwalità tiġi min-nies, u l-persuni t-tajba se joħolqu Akkademja mibnija fuq strateġija komprensiva tal-edukazzjoni, bl-appoġġ ta’ infrastruttura soda tas-servizz u mmexxija minn ġabra ta’ regolamenti adattivi. L-organizzazzjoni hija mmexxija mill-Kmandant, bl-assistenza tal-ogħla rwoli eżekuttivi tar-Reġistratur, id-Direttur tal-Istudji u l-Maniġer tar-Riżorsi Umani u l-Amministrazzjoni.

Finanzi

Il-finanzjament tal-Akkademja huwa stabbilit permezz tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali fi ħdan il-Gvern Malti. Il-fondi se jkunu disponibbli għall-Akkademja sabiex tkun tista’ twettaq id-doveri prinċipali tagħha f’konformità mal-prijoritajiet nazzjonali.

Il-Kampus u l-Estates

L-Akkademja se tistabbilixxi Pjan Regolatorju għall-Kampus u l-Estates f’konformità mal-linji gwida internazzjonali għall-ispazji edukattivi u se jinkludi: żoni interni għat-tagħlim, żoni esterni għat-taħriġ, żoni għat-tagħlim ibbażat fil-klassi, żoni għat-tagħlim ibbażat fuq il-ħiliet, żoni ta’ studju u żoni għal librerija elettronika, żoni għall-amministrazzjoni, għall-kumditajiet tal-persunal, għall-kumditajiet tal-istudenti, faċilitajiet tal-isport, sala tal-ikel, akkomodazzjoni, spazji ħodor, spazji rikreazzjonali, parkeġġ u rotot loġistiċi.

Infrastruttura għat-Teknoloġija tal-Informazzjoni

L-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati tagħti lill-istudenti, l-edukaturi u l-persunal amministrattiv pjattaformi teknoloġiċi li jippermettu l-aċċess online għall-applikazjonijiet tar-reklutaġġ, l-email, il-kalendarju, cloud storage, tagħlim online, rekords tal-istudenti, informazzjoni amministrattiva u aċċess għal-libreriji internazzjonali online.

Governanza, Regolamenti u Politiki

L-Akkademja tallinja l-programmi tagħha mal-miri nazzjonali stabbiliti mill-Gvern u tirrapporta dwar ir-riżultati miksuba. L-Akkademja tipprattika politika ta’ awtonomija b’responsabbiltà sħiħa għall-azzjonijiet u l-operazzjonijiet tagħha, b’konformità mal-governanza, il-politiki u r-regolamenti organizzattivi tagħha.