Missjoni u Valuri

Il-missjoni tal-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati hija li tipprovdi edukazzjoni ħolistika ta’ livell għoli, taħriġ u formazzjoni professjonali permezz ta’ programmi akkreditati, klassifikati skont il-livell, u b’valutazzjoni tal-kwalità li joffru mogħdijiet interni u trasversali għall-karriera fuq livell nazzjonali u internazzjonali fl-oqsma tal-infurzar, il-protezzjoni, is-sikurezza u s-sigurtà.

L-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati timmira li tkun istituzzjoni awtonoma proattiva, li toffri programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ iddisinjati apposta fil-kuntest ta’ soċjetà u rekwiżiti nazzjonali li dejjem jevolvu.

L-għanijiet tal-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati huma stabbiliti bil-leġiżlazzjoni Kapitolu 559 tal-Liġi ta’ Malta sabiex:

  1. Tipprovdi taħriġ ta’ kwalità għolja relatat mal-formazzjoni professjonali u t-titjib tal-ħiliet, l-attitudnijiet u l-prattiċi li huma użati fil-ħajja professjonali ta’ kuljum tal-Forzi Dixxiplinati b’kunsiderazzjoni tal-kuntesti differenti li jeżistu;

  2. Tipprovdi taħriġ u opportunitajiet edukattivi li jippromwovu l-iżvilupp professjonali kontinwu għall-membri tal-Forzi Dixxiplinati li jappoġġjaw il-politiki tad-dipartiment u jirriflettu l-iżvilupp fil-karriera tal-individwu;

  3. Tiżviluppa prospetti għall-kooperazzjoni nazzjonali u internazzjonali li jagħtu lill-membri tal-Forzi Dixxiplinati l-opportunitajiet għal edukazzjoni u taħriġ speċjalizzat f’oqsam ewlenin. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ networks ta’ kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali u nazzjonali sabiex jinkoraġġixxu t-trasferiment tal-għarfien permezz tal-programmi ta’ skambju, internships u placements;

  4. Tiżviluppa programmi edukattivi u tematiċi lil hinn mill-qafas tal-kurrikuli strutturati, bħal inizzjattivi u proġetti ta’ riċerka, konferenzi, seminars, pubblikazzjonijiet u avvenimenti oħrajn, għall-membri tal-forzi dixxiplinati, rappreżentanti internazzjonali minn forzi dixxiplinati, studenti akkademiċi u membri tal-pubbliku;

  5. Tipprovdi korsijiet u programmi ta’ tagħlim fosthom esperjenza ta’ xogħol li jwasslu għal kwalifiki rikonoxxuti b’konformità mal-Qafas Malti tal-Kwalifiki fil-ħiliet u l-professjonijiet li jistgħu jkunu meħtieġa mill-forzi dixxiplinati;
  6. Twettaq kull funzjoni oħra li hija relatata ma’ jew anċillari għal dawk imsemmija hawn fuq.

L-Akkademja tħaddan il-valuri tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, il-ġustizzja, id-diliġenza, l-integrità, l-etika u l-onestà bħala l-qafas li fuqu huwa msejjes il-kontenut tal-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ tagħha. B’rispett lejn il-mod li bih topera, l-Akkademja ssostni l-valuri ta’ ċentralità tal-istudent, l-iżvilupp professjonali u l-boroż ta’ studju, ir-rispett, id-diversità, il-pluraliżmu, l-innovazzjoni, il-flessibbiltà u l-kollaborazzjoni bejn it-tim.