Networks Internazzjonali

L-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati tqiegħed l-internazzjonalizzazzjoni f’pużizzjoni rikonoxxuta u prominenti fl-edukazzjoni u s-servizzi tal-għarfien li toffri. L-operazzjonijiet transkonfinali għall-armata, il-pulizija u l-protezzjoni ċivili huma eżempji ta’ suġġetti li ġew miżjuda mal-kurrikulu tal-Akkademja.

 

Il-Forzi Dixxiplinati f’Malta jiffurmaw parti minn networks internazzjonali li jarrikkixxu l-oqfsa tal-ħiliet u l-għarfien fil-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ fl-Akkademja. Ix-xogħol tal-Forzi Dixxiplinati jimxi id f’id mal-avvenimenti fl-ambjent internazzjonali, fl-Ewropa u lil hinn.

Networks tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ

L-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati taħdem ukoll ma’ sħab fin-networks tal-edukazzjoni. Il-kollaborazzjoni internazzjonali twassal għal livell ogħla ta’ kwalità fl-ambjent tat-tagħlim li l-Akkademja taspira li jkollha. Is-sħubijiet jiffukaw fuq l-iskambju tal-għarfien u jagħtu dimensjoni internazzjonali lit-taħriġ.

European Union Agency for Law
Enforcement Training

(Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi) – dedikata għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ taħriġ għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri Ewropej. Is-CEPOL tgħaqqad flimkien network ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi fil-Pajjiżi Membri Ewropej u tappoġġjahom billi tipprovdi taħriġ dwar il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, il-prijoritajiet tas-sigurtà, u l-iskambju tal-informazzjoni. Is-CEPOL taħdem ukoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, korpi tal-UE, u pajjiżi terzi sabiex tiżgura li t-theddid tas-sigurtà jiġi trattat f’rispons kollettiv.

Association of European Police
Colleges

(Assoċjazzjoni tal-Kulleġġi tal-Pulizija Ewropej) – network informali ta’ akkademji Ewopej tal-pulizija, li jinkorpora 45 akkademja tal-pulizija u 37 pajjiż Ewropew. L-AEPC torganizza konferenzi, korsijiet, u attivitajiet oħra sabiex tappoġġja u tiżviluppa l-programmi ta’ taħriġ tal-pulizija f’diversi pajjiżi ġewwa l-Ewropa. L-AEPC tikkumplimenta l-funzjonijiet tas-CEPOL u taġixxi bħala strument importanti fil-kollaborazzjonijiet informali.

Networks tal-Forzi Dixxiplinati

OSCE

L-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) tkopri Forzi Dixxiplinati differenti fuq skala globali u tinkorpora aspetti politiċi-militari, ekonomiċi u ambjentali, kif ukoll umani. Tindirizza t-tħassib relatat mas-sigurtà, inkluż il-kontroll tal-armi, miżuri għall-promozzjoni tal-fiduċja u tas-sigurtà, id-drittijiet umani, id-demokratizzazzjoni, il-minoranzi nazzjonali, miżuri kontra t-terroriżmu, attivitajiet ekonomiċi u ambjentali u strateġiji tal-pulizija.

Il-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-Fergħa għall-Affarijiet Internazzjonali hija responsabbli għall-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali li tinvolvi fost oħrajn, il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni tal-UE (PSDK), l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), l-Inizzjattiva tad-Difiża 5+5, is-Sħubija għall-Paċi tan-NATO, relazzjonijiet mill-militar għall-militar u tappoġġja l-parteċipazzjoni ta’ Malta fl-operazzjonijiet tal-immaniġġjar tal-kriżi barra mill-pajjiż.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jagħmel parti mill-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili tal-UE, li ġie stabbilit fl-2001 u li jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili madwar l-Ewropa. L-assistenza tal-Protezzjoni Ċivili tikkonsisti f’għajnuna governattiva mwassla immedjatament wara li jsir xi diżastru. Tista’ tkun assistenza in natura, l-iskjerament ta’ timijiet mgħammra speċjalizzati, jew valutazzjoni u koordinazzjoni tal-esperti mibgħuta fuq il-post. Madanakollu, id-diżatri m’għandhomx fruntieri. Jeħtieġ rispons koordinat sew fuq livell Ewropew sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi ta’ għajnuna u jkun żgurat li l-assistenza tilħaq il-bżonnijiet veri tar-reġjun affetwat. Il-mekkaniżmu ġie stabbilit sabiex ikun hemm assistenza koordinata mill-istati paretiċipanti għall-vittmi ta’ diżatri naturali u kkawżati mill-bniedem fl-Ewropa u kullimkien. Il-hub operazzjonali tal-Mekkaniżmu huwa ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC), li jagħmel monitoraġġ tal-emerġenzi madwar id-dinja 24/7, u jikkoordina r-rispons tal-pajjiżi parteċipanti f’każ ta’ kriżi. Grazzi għall-moduli prepożizzjonati u awtosuffiċjenti tal-protezzjoni ċivili tal-istati parteċipanti, it-timijiet tal-protezzjoni ċivili jkunu lesti biex jintervjenu f’qasir żmien kemm fl-UE kif ukoll lil hinn. Jieħdu ħsieb kompiti speċjalizzati fosthom it-tiftix u s-salvataġġ, it-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru, karigi mediċi avvanzati u aktar.

Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-FKK taħdem mill-qrib mad-Dipartiment Internazzjonali ta’ Kooperazzjoni tad-Direttorat Norveġiż tas-Servizzi Korrettivi. Ġiet żviluppata sistema operazzjonali bbażata fuq l-inċentivi u l-privileġġi miksuba għad-delinkwenti żgħażagħ li se tiġi implimentata fiċ-Ċentru Residenzjali l-ġdid għas-Servizzi Restorattivi (CoRRS). L-uffiċjali korrettivi li jaħdmu ma’ ħabsin żgħażagħ ħadu taħriġ permezz tal-istess proġett ta’ kollaborazzjoni. Il-FKK tikkollabora mal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Droga u l-Kriminalità, id-Dipartiment ta’ Kalifornja għall-Korrezzjoni, il-Bureau Federali għall-Ħabsijiet, id-Dipartiment tal-Ħabsijiet tal-Malasja, u l-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u l-Istat ta’ Dritt, sabiex tistabbilixxi l-kapaċità ta’ networking li taqsam l-ideat u t-tħassib u ttejjeb il-miżuri ġenerali ta’ sigurtà fil-ħabsijiet madwar id-dinja. L-għarfien miksub minn networks internazzjonali jippermetti lill-FKK tnaqqas u telimina t-theddid qabel dan iseħħ. Tipprovdi wkoll l-abilità li tiffoka l-isforzi fuq gruppi speċifiċi ta’ theddid li f’sitwazzjoni oħra kienu jikkompromettu l-effettività tas-sigurtà.

Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.

It-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali hija responsabbli min-networks kooperattivi u l-operazzjonijiet lokali għall-Interpol, l-Europol, il-Frontex u s-SIRENE. Il-funzjoni tal-Interpol hi li tippermetti lill-korpi tal-pulizija madwar id-dinja li jaħdmu flimkien permezz ta’ infrastruttura ta’ appoġġ teknoloġiku u operazzjonali. Kull stat li jopera s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) stabbilixxa Bureau tas-SIRENE nazzjonali li huwa responsabbli għal kwalunkwe skambju addizzjonali ta’ informazzjoni u koordinazzjoni ta’ avvenimenti relatati mat-twissijiet fid-daħliet tal-istati. L-Europol hija l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-infurzar tal-liġi, li tassisti l-Istati Membri tal-UE fil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità internazzjonali u t-terroriżmu.