Bord tal-Akkademja
Il-Bord huwa l-ogħla korp ta’ tmexxija tal-Akkademja. Il-Bord huwa responsabbli biex jaqdi l-funzjonijiet mogħtija lilu mill-Att dwar l-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati (Kap 559 tal-Liġi ta’ Malta).
Il-Bord huwa magħmul mill-President, rappreżentanti tal-Forzi Armati ta’ Malta, tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-Università ta’ Malta u żewġ membri oħra.
Il-membri tal-Bord jinħatru għal terminu rinovabbli ta’ 3 snin. Il-Bord jiltaqa’ darba fix-xahar u l-kworum huwa ta’ 5 membri inklużi l-uffiċjali li jippresjedi. Il-Bord jista’ jirregola l-proċedura tiegħu stess u jista’ jaħtar kumitati ad hoc. Id-deċiżjonijiet tal-Bord għandhom jittieħdu mill-maġġoranza tal-voti tal-membri preżenti u li jivvutaw. F’każ ta’ voti ndaqs, il-persuna li tippresjedi għandu jkollha l-vot deċiżiv.
Il-funzjonijiet u d-doveri tal-Bord huma li:
Jiżviluppa d-direzzjoni, l-istrateġija u l-immaġni tal-Akkademja;
Jamministra u jikkontrolla r-riżorsi, l-faċilitajiet u l-proprjetà, kemm movibbli kif ukoll immovibbli tal-Akkademja, inklużi l-akkwist u l-użu tar-riżorsi għat-tmexxija tal-Akkademja;
Jassisti u jagħti l-pariri lill-Kmandant fil-kisba ta’ livell ta’ eċċellenza fl-istandards tal-korsijiet u l-programmi tal-Akkademja;
Jassisti lid-Direttur tal-Istudju sabiex jiżgura li l-Akkademja tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla u l-Kunsill Malti għall-Kwalifiki, kif previst f’dan l-Att jew kwalunkwe regolament li jsir dwaru u mal-politiki nazzjonali u l-istrateġiji fl-edukazzjoni u s-sigurtà nazzjonali kif adottati mill-Gvern minn żmien għal żmien;
Jeżamina u japprova l-programmi ta’ taħriġ, l-unitajiet tal-istudju u l-korsijiet sottomessi mill-Kumitat Akkademiku għall-inklużjoni jew t-tneħħija mill-qafas tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Akkademja;
Jiddetermina, b’konformità mar-rekwiżiti tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki, il-kundizzjonijiet għad-dħul fi programm jew kors provdut mill-Akkademja;
Jipprovdi proċeduri xierqa għall-assessjar u ċ-ċertifikazzjoni tal-istudenti;
Joħroġ linji gwida u jistabbilixxi proċeduri dwar il-prestazzjoni u l-kondotta tal-istudenti, l-edukaturi u persuni oħra fdati biex jagħtu kwalunkwe servizz fl-Akkademja, sew jekk marbuta b’kuntratt indefinit jew definit ta’ servizz, jew b’kuntratt ta’ servizz, kif ukoll jekk sekondati jew mislufa lill-Akkademja mill-Gvern, mill-forzi dixxiplinati, mill-entitajiet pubbliċi jew privati;
Joħroġ linji gwida li jistabbilixxu r-regoli dwar kwalunkwe programm jew kors provdut mill-Akkademja;
Jiżgura li l-livelli xierqa ta’ taħriġ u akkademja jinżammu u jittjiebu;
Jistabbilixxi skemi interni ta’ assigurazzjoni tal-kwalità kif meħtieġ mill-Att jew kwalunkwe regolament li jsir dwaru u proċeduri meħtieġa ta’ awditjar għall-operazzjonijiet tal-Akkademja;
- Jieħu kwalunkwe funzjoni oħra assenjata lilu mill-Ministru minn żmien għal żmien.
Il-Bord japprova l-kurrikulu u s-sillabi sottomessi mill-Kumitat Akkademiku u, fejn iqis li hu xieraq, jibgħathom lura għand it-tali Kumitat Akkademiku flimkien mal-parir tiegħu dwar kwalunkwe emenda proposta.
Il-Bord jiżgura li l-premji tal-Akkademja jkunu rikonoxxuti kemm fuq livell nazzjonal u internazzjonali, u li, fejn applikabbli, jkunu relatati mal-istandards stabbiliti mill-Qafas Malti tal-Kwalifiki.